Home

Xi ħaġa fuqek

Ilni nvolut fil-politika minn meta kont student fl-SDM, wara fl-MZPN, Segretarju Informazzjoni tal-Partit u illum Vici-President tal-Haddiema Demokristajni Ewropej.

Kont elett fil-Kunsill Lokali ta’ H’Attard fl-2001 u fl-2003 ikkontestajt l-elezzjoni generali u gejt elett bhal ma gejt elett ukoll fl-elezzjoni ta’ wara (2008) fuq H’Attard, Mosta u Hal-Balzan.

Jien kburi li qed nagħti sehmi bħala deputat sabiex pajjiżi jkun aħjar u aktar u aktar meta dan qed nagħmlu mal-Partit Nazzjonalista li għandu track record ta’ għażliet tajbin favur pajjiżna, ibda mill-Indipendenza, kompli bl-Unjoni Ewropea u spiċċa bil-munita Ewro fost l-oħrajn. Biex ma nsemmux it-tibdil li ġab fl-infrastruttura ta’ dal-pajjiż, fl-edukazzjoni u s-saħħa kif ukoll fil-qasam tax-xogħol li tiegħu huwa l-pijunier assolut.

Għalfejn involvejt ruħek daqstant fil-politika? Jiddispjaċik?

Il-motto politiku tiegħi huwa ‘Hidma b’ lealtà… dejjem għas-servizz tiegħek’.

Jien nemmen li l-politika hija servizz. Kif jista’ jiddispjaċik li tkun ta’ servizz għall-oħrajn?

Nisħaq ukoll fuq il-lealtà. Għandi l-fehmiet tiegħi. Biss dawn il-fehmiet isibu posthom fil-parametri wesgħin tal-Partit Nazzjonalista li bħala partit popolari jiġbor fih fehmiet differenti li jagħmlu dan il-partit wieħed rikk ħafna fl-ideat.

X’ inhuwa l-għeruq fil-fehma tiegħek għal dan id-diżgwid?

L-għeruq tad-diżgwid huwa meta ma nifhmux il-motto ‘Flimkien kollox possibbli’ li kien is-slogan elettorali li l-poplu vvota għalih. Il-kelma ‘flimkien’ hija l-aktar importanti. Jiena waħdi deputat importanti. Biss qatt ma jien aktar importanti mill-kollettiv.

Kull persuna hija importanti. Mingħajr xi ħadd, il-grupp parlamentari ma jkunx l-istess. Jitlef element importanti. L-importanza ta’ kull individwu għandha tinżamm kemm minn min imexxi kif ukoll minn min jitmexxa.

Min imexxi jrid jkompli jagħti l-importanza dovuta lil kulħadd. Min jitmexxa jrid jifhem li ċerti deċiżjonijiet li jittieħdu minn min imexxi jrid jaċċettahom.

Għad għandu preżenza b’saħħitha u rispett il-PM fi ħdan il-Partit?

Il-Prim Ministru m’għandux bżonn lili ngħid jekk għadx għandu preżenza u rispett fi ħdan il-Partit. Il-Partit qiegħed hemm biex ikun ta’ ġid għall-pajjiż. Il-partit tagħna illum qiegħed fil-gvern u hu mistenni minnu li jmexxi l-pajjiż. 

Għalhekk, il-Prim Ministru, li ġab ’il quddiem daqshekk il-pajjiż fi żmien fejn pajjiżi oħra (bhal Grecja u Cipru) qed jegħrqu, ma jistax ma jkollux preżenza b’saħħitha u rispett.

Prim Ministru li kien kapaċi jmexxi lil pajjiż u jġib ir-riżultati kif jixhdu l-aġenziji internazzjonali ta’ credit ratings u r-rapporti tal-Unjoni Ewropea ma jistax ma jkollux preżenza b’saħħitha u rispett.

Ikun redikolu li mexxej jkollu preżenza b’saħħitha u rispett internazzjonalment imbagħad aħna internament niddubitaw mit-tmexxija tiegħu.

Il-PN jidher illi warrab it-ton rikonċiljatorju ma’ Franco Debono, JPO u Jesmond Mugliett – x’ taħseb?

Il-PN huwa dejjem rikonċiljatorju. Qatt ma jaqta’ barra lil ħadd. Huwa aħna l-membri tal-partit li ninvolvu ruħna jew ninqatgħu barra, b’dak li ngħidu u dak li nagħmlu.

Il-PN jinstab f’sitwazzjoni ta’ diżgwid intern aktar minn qatt qabel. Għalfejn taħseb li l-Prim Ministru u l-uffiċjali ma rnexxilhomx jgħaqqdu dawn it-truf kollha kif rajna jseħħ f’sitwazzjonijiet oħra fil-passat?

Li tkun politiku, membru attiv, deputat, ministru u prim ministru llum huwa aktar diffiċli minn qatt qabel. L-influwenza tal-media, fosthom il-blogs bħal dan tiegħek, jagħmlu differenza kbira. Daqskemm il-media interattiva hija għodda tajba biex twassal messaġġ, daqstant ieħor ixekkel l-andament naturali tad-diskussjonijiet.

Kif bniedem jesprimi opinjoni u jitfagħha fil-media interattiva, f’temp ta’ ftit minuti, diġà jkunu tqajjmu mistoqsijiet u kontra mistoqsijiet, artikli u kontra artikli. Għalhekk f’nofs ta’ nhar ġieli nkunu spiċċajna ’l bogħod ħafna minn fejn inkunu bdejna. U dan tajjeb niftakru li ma nkunux għadna ltqajna fizikament bejnietna.

Dawn kienu r-reazzjonijiet u l-kontra reazzjonijiet individwali mingħajr ma nkunu ltqajna kollettivament.

Ironikament, jigru kazi fejn wiehed ma jistenniex li niltaqgħu fizikament bejnietna imma jitfa’ kollox fid-dominju pubbliku tal-media interattiva.

Kif taħseb li dan id-diżgwid ħa jfixkel il-preparamenti għall-elezzjoni ġenerali?

It-tħejjija għall-elezzjoni ġenerali ilha li bdiet sa mill-ewwel jum li irbahna l-ahhar elezzjoni generali.

Meta tkun fil-gvern, trid tikkonvinċi lill-poplu mhux b’dak li tgħid imma b’dak li tagħmel. Għalhekk gvern li ħadem daqshekk ilu li beda jaħdem għall-elezzjoni ġenerali.

Il-Prim Ministru kien kapaċi li, minkejja dan id-diżgwid, jibqa’ jiffoka biex pajjiżna jibqa’ jikseb riżultati tajba, fit-turiżmu, fl-edukazzjoni, fl-ambjent, fis-sahha u fix-xogħol kif tixhed statistika wara oħra. Dan ix-xogħol baqa’ jseħħ anke fil-ħidma ta’ pajjiżna mal-Unjoni Ewropea.

Ironikament, waqt li pajjiżna kien qed jiddiskuti l-mozzjoni ta’ riżenja ta’ RCC, fl-Unjoni Ewropea kien qed jitħejja summit importantissimu sabiex jiddiskuti t-triq ’il quddiem fost il-maltemp ekonomiku. Pajjiżna mhux f’bozza kif jipprova jpinġi l-Partit Laburista.

Ma taħsibx li l-PM u l-PN kienu qed jidderieġu l-kritika lejn l-Oppożizzjoni meta f’diversi mozzjonijiet f’dawn l-aħħar xhur kienu Membri Parlamentari Nazzjonalisti li kienu qed jikkawżaw diffikultajiet għall-Partit permezz tal-vot tagħhom?

Le. Il-mozzjonijiet tressqu mill-oppożizzjoni. Is-sors oriġinali kien il-kilba tal-Partit Laburista ghall-poter u l-ghatx tal-oppozizjzoni li jagħtu l-gambetti lill-gvern b’kull opportunità li tqum.

(Photo: Times of Malta)

(Photo: Times of Malta)

Għalhekk kif jaraw deputat iċaqċaq ftit dlonk iressqu mozzjoni sabiex jistaduh u jieħdu ċans.

Il-PN ħa jibqa’ biċ-ċans li jirkupra u possibbilment jirbaħ l-elezzjoni?

Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu huwa dejjem sovran. Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu mhux baħnan. Jaf li m’għandux jixtri l-ħut fil-baħar.

Il-Partit Laburista huwa litanija ta’ kliem sabiħ ħafna u wegħdiet solenni lil individwi u minghajr programm elettorali konkret ghal-pajjizna.

Ix-xogħol tal-gvern tista’ tarah u tmissu u ma kull proġett ikun spjegat kif dan jinkwadra f’affarijiet oħra u b’hekk joħloq ħolqa ġenerali. Il-Viżjoni 2015 tagħna mhix biss viżjoni fiergħa. Hija direzzjoni li diġà bdiet tintlaħaq u nafu fejn irridu nkomplu nimxu.

Ħu l-qasam finanzjarju. Fil-Viżjoni 2015 ngħidu li dan irid ikun pilastru ekonomiku għal pajjiżna. Diġà beda jkun u l-eluf ta’ impjiegi li nħolqu f’dal-qasam jixhdu dan. Hemm affarijiet konkreti. U l-Partit Laburista x’għandu konkret?

Kont infurmat (bħala Whip) kif ħa jivvota Franco Debono fil-mozzjoni indirizzata lejn CMB?

(Photo: maltastar.com)

(Photo: maltastar.com)

Iva

Kont infurmat kif ħa jivvutaw JPO u Jesmond Mugliett fil-mozzjoni indirizzata lejn RCC?

Le.

Taħseb li waħda mis-soluzzjonijiet hija li jinbidel il-Mexxej?

Assolutament li le.

Inti kif ha tivvota bħala membru tal-eżekuttiv jekk Franco Debono jitlob li jkun kandidat tal-PN?

Dik decizjoni li niehu dak inhar tal-vot wara li nkun smajt u gharbilt l-argumenti li jkunu gabu shabi l-membri tal-Ezekuttiv.

L-importanti hu li dak li naghmlu naghmluh ghal gid ta’ pajjizna.

Inti kif ħa tivvota jekk l-Eżekuttiv tal-Partit iressaq mozzjoni biex jitkeċċew jew jiġu dixxiplinati JPO, Jesmond Mugliett u Franco Debono?

Din ukoll hi decizjoni li niehu dak inhar tal-vot wara li nkun smajt u gharbilt l-argumenti li jkunu gabu shabi l-membri tal-Ezekuttiv.

(Photo: maltastar.com)

(Photo: maltastar.com)

L-importanti hu li dak li naghmlu naghmluh ghal gid ta’ pajjizna. Pajjizna ghandhu bzonn partit nazzjonalista b’sahhtu biex ikompli jmexxi lil pajjizna f’dan l-maltemp ekonomiku li hawn madwarna u biex inkomplu ngibu l-aqwa rizultati fid-diversi oqsma li minnhom jiekol l-hobza ta’ kuljum l-poplu Malti u Ghawdxi.

Kemm taħseb li dak li għamlu dawn t-tliet MPs huwa motivat mill-‘issues’ jew motivat minn ‘raġunijiet personali’?

Nispera li hija taħlita tat-tnejn. Nispera li l-motivazzjoni hija wahda genwina. Mhux accettabli li Deputat tal-Gvern jivvota mal-Oppozizjoni.

Izda hi x’hini l-motivazzjoni kull Deputat ghandhu joqghod ghad-direzzjoni tal-Whip. Hekk kienet, hi u trid tibqa’ tkun l-prassi li tmexxi d-demokrazija parlamentari.

Beppe Fenech Adami juri biċ-ċar (ara l-intervista fuq din l-istess blog) li Franco Debono qabeż il-linja. Taqbel ma’ BFA?

Mhux ser nidhol fuq dak li jahseb u jghid Deputat fuq iehor.

Jien nemmen li min ma jimxix skond l-linja demokratika ta’ kif dejjem haddimna d-demokrazija parlamentari allura jkun irid jiffaccja l-konsegwenzi tad-decizjonijiet tieghu.

www.andrewazzopardi.org

3 thoughts on “Hon David Agius MP f’ intervista ma’ Andrew Azzopardi fis-SERJE | ‘Time To Answer’

  1. kieku hemm iktar nies bhal David fil partit ma hux fis sitwazzjoni li jinsab illum. Bniedem li jirrispetta l opinjoni ta kullhadd u ma jizrax firda. nawguralek iktar success, pero nemmen telfa kbira biss tista terga tibdel il partit. u l mexxej u ta madwaru jridu jtiru

    Like

  2. Pingback: Hon David Agius jghid li ‘il-PN huwa dejjem rikonċiljatorju’ | Andrew Azzopardi | 'Ghandi x' Nghid' (I have something to say)

  3. Pingback: Xutt u barra! [Wara l-laqgha tal-Ezekuttiv tal-PN] | Andrew Azzopardi | 'Ghandi x' Nghid' (I have something to say)

Many thanks for your comments...keep posting...

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s